Dan Qrajtu? hija sensiela ta' intervisti fejn kull ġimgħa awtur jaqsam x'qed jaqra bħalissa u x'jista' jinqara waqt li nkunu maqfulin ġewwa. Din il-ġimgħa, Mark Camilleri qasam il-lista (twila!) tiegħu. X'qed taqra bħalissa u iddeskrivi dan il-ktieb / kotba? Nibda bil-premessa li nħobb naqra kotba differenti b’lingwi differenti fl-istess ħin. Tant hu hekk li bħalissa għaddej bi tlieta fl-istess nifs. Huwa żmien fejn il-ħafna ħin għalija nnifsi jippermettili nagħmel hekk u l-fatt li għandi Kindle wkoll jagħmilha eħfef. Bil-Malti: Papa Aħmed ta’ Joe Pace – Fil-futur qarib ikun wasal iż-żmien għal elezzjoni ta’ Papa ġdid u balleċ għall-ewwel darba fl-istorja tal-Vatikan il-Papa jkun Malti, Kardinal Massimo Calleja, li jieħu l-isem ta’ Papa Aħmed. Ftit tas-snin wara jkun qiegħed fi żjara uffiċjali Ġerusalemm meta jibdew jseħħu ġrajjiet strambi. Bl-Ingliż: When You Reach Me ta’ Rebecca Stead – Miranda hija xbejba ta’ ħmistax-il sena fi New York tal-1979 li tgħix m’ommha u s-sieħeb tagħha. Wara li hi u l-akbar ħabib tagħha Sal ma jibqgħux jitkellmu wara inċident vjolenti, Miranda tibda tirċievi noti strambi u jkollha tinbidel f’ditektiv biex issolvi dan il-misteru. Bit-Taljan: L’Ultima Estate di Berlino ta’ Federico Buffa u Paolo Frusca – F’Berlin tal-1936 ikunu ħa jiġu mnedija l-Olimpjadi, opportunità unika għal Hitler u Goebbels sabiex jiftaħru bir-reġim Nażista f’għajnejn id-dinja. L-organizzazzjoni tal-Olimpjadi tkun f’idejn suldat bl-isem ta’ Wolfgang Früstner. Iżda ftit qabel jingħata bidu għal akbar avevniment sportiv tas-sena, jsir magħruf li Früstner għandu għeruq Lhud. Għalih kollox jinqaleb ta’ taħt fuq. Liema ktieb (jew kotba) tirrakkomanda li n-nies jaqraw waqt dan il-perjodu ta' kwarantina u għala. Ħa nagħti diversi suġġerimenti li nqis perfetti għal dan il-perjodu ta’ kwarantina għax insibha iebsa nsemmi biss isem wieħed. U kemm ilha li feġġet il-COVID-19 iltqajt ma’ 2 tipi ta’ qarrejja: dawk li ma jridux jaqraw kotba li jfakkruhom b’xi mod f’dawn iż-żminijiet ; inkella dawk li ma tagħmlilhomx wisq differenza. Għaldaqstant ħa ngħaddi żewġ suġġerimenti maħsuba għal kull waħda miż-żewġ kategoriji. Kategorija A: Normal People ta’ Sally Rooney – wieħed mill-isbaħ kotba li qrajt is-sena l-oħra u Rooney hija kittieba li tikteb dwarna lkoll u dwar dak li ngħaddu minnu aħna f’relazzjonijiet. A Ladder to the Sky ta’ John Boyne – ktieb li saħħarni mill-bidu sal-aħħar. Boyne jikteb dwar kittieb li għall-ambizzjoni li għandu sabiex isir awtur magħruf lest jagħmel kollox. Kollox. Kategorija B: The Road ta’ Cormac McCarthy – il-ktieb favorit tiegħi ta’ dejjem. Qrajtu tliet darbiet u kull darba nħossni nħobbu aktar mid-darba ta’ qabel. Huwa essenzjalment rumanz dwar l-imħabba bejn missier u iben f’Amerka post-nuklejari. Station Eleven ta’ Emily St. John Mandel – it-tieni l-aktar ktieb favorit tiegħi u għalkemm huwa distopiku bħal The Road, jiffoka fuq aktar narrattivi ta’ persunaġġi u artisti f’dinja li m’għadhiex li kienet. Mark Camilleri huwa Assistent Kap ta' Skola u awtur magħruf l-iktar għar-rumanzi polizjeski ta’ l-Ispettur Gallo; Prima Facie, Volens u Nex. Bħalissa qed jaħdem fuq ir-rumanz li jmiss f’din is-sensiela. Huwa kiteb ukoll stejjer għat-tfal, inkluż il-ktieb ‘Mill-istorja tal-futbol Malti’. Naturalment, inħeġġukom biex taqrawhom ukoll.
0 Comments
Leave a Reply. |