Storja ta' Elizabeth Ebejer
Għajni marret mill-ewwel fuqu. X’kien qed jagħmel dak it-tubu qalb il-posta, bħal dawk li jkunu qishom kanna tal-plastik? Ħasadni kif rajtu mal-posta fil-bixkilla, li maż-żmien il-pustier dara jitfa’ kollox fiha u jien bil-lejl intella’ ‘l fuq. Dan x'kien? Mhux il-propoganda tas-soltu jew xi kont tad-dawl li jiftakru li għadni ħajja! Il-kliem b'kaligrafija ċara “lill-Okkupanta.” Kien żgur li għalija. Kont ilni ma nirċievi xi ħaġa snin u tbissimt. Ara! Ftakart kif titbissem! Dħalt ġewwa u bla ma tlift ħin, neħħejt l-għatu. Dik il-karta ħoxna li ħassejt ħasditni u kif ġbidtha 'l barra, żelqet minn idi u rbumbjat ma’ kull rokna u ssorprendejt ruħi meta smajt it-twerżiqa li ħarġet mill-gargi xotti. Dak il-ġisem bla wiċċ kien rifless qawwi aktar mill-mirja li għandi. Għaraftu lil ġismi. Sal-għazza ħdejn il-biżla hemm u n-nokkli jgħattu ż-żejża mikxufa bla mistħija u ċ-ċappetta tleqq, deheb isfar f'idi l-leminija li kienet qed tmiss il-purtiera tas-salott, u bl-istess pinzellata “SABIĦA... PINĠEJTEK MILL-BOGĦOD, ĦABBEJTEK MA’ KULL PINZELLATA… AĦSEB U ARA KIEKU MMISSEK” Bejn dawn il-ħitan noqgħod kif irrid bla ħadd ma jikkmandani. Imma min seta’ kien meta lanqas nixref ‘il barra? Minn meta sfigurali wiċċi bl-aċtu dak li kien ħalef li jħobbni, ma ħriġtx minn hawn. Ma’ kull qatra jien werżaqt biex jieqaf imma leħnu għadni niftakru jaħlef, li ħadd warajh mhu se jmelles dak il-wiċċ u jerda’ dawk ix-xufftejn. Sabuni mitlufa minn sensija f’għalqa u għamlu minn kollox biex nibqa bħala numru hawn. Għadni mriegħda u ġbart il-pittura mill-art u bis-saba’ l-werrej, missejt dawk il-linji biex bħallikieku għal mument, noqrob lejn min ħolomni u ħoloqni. "GĦADEK MA TAFX KEMM..."
0 Comments
Storja ta' Daniel Mangani
Hemm baqa’, bil-qieghda ma’ mejda iċċassat b’karta vojta quddiemu. Jipprova jħarbex xi ftit ħsibijiet, imma kien kollu ta’ xejn. Ma seta’ jaħseb f’xejn. Fl-isfond, radju ċkejken iżarżar ftit diskji medjokri, li qajla bdew jispirawh. Mit-tieqa kienu bdew deħlin l-ewwel raġġi tax-xemx, li ukoll bdew jikxfu dik l-abra fina ta’ trab li kellha kamartu. Il-bqija, baħħ. Baħħ totali, bħal baħħ li kien għad hemm fuq dik il-karta, meta suppost kien diġa’ mela mqar nofsha wara lejl ta’ ħsibijiet u ta’ nuqqas ta’ rqad. Bejn nefħa u oħra, u waqt li qalleb għal darboħra għajnejh, b’xi mod lemaħ ritratt ċkejken nofsu sfukat u nieqes mil-kuluri originali tiegħu. Xwejħa b’nofs tbissima bi ħwejjeġ foqra, u bi tfajjel b’xagħru nnukklat ta’ ftit snin f’ħoġorha. U dak il-ħin bħal reġa lemaħ lil dik ix-xwejħa quddiemu, din id-darba bi tbissima akbar, u bi sforz ċkejken tista’ tgħid li anke semgħaha tkellmu. Fi mnifsejh xamm dik ir-rħa ta’ umdita’ ta’ bejn il-bieb ta’ barra u l-antiporta, fejn kien ta’ spiss iqatta’ ħin twil jilgħab. Ġaladarba ma setgħax joħroġ barra waħdu, dik ir-rokna ċkejkna, kienet l-aktar post viċin għal ħajja tat-triq. Xamm ir-riħa tal-borma li kienet ilha itektek mis-siegħat bekrin tal-ġurnata, li lanqas kien għadu sebaħ li ma xammx dik ir-riħa taqsam dwejra ċkejkna. Ir-redifussion beda bil-latanija tal-mejtin u dawk kollha li marru għan-naħa l-oħra, u dik ix-xwejħa trodd is-salib wara kull isem li tisma’. Umbgħad ra l-presepju. Grotta sempliċi magħmula minn ftit xkejjer antiki u naqra ġibs verġni u żebgħa skaduta, b’riħa taqsam ta’ żejt. Jiftakar joħroġ il-pasturi kollha filliera wara xulxin quddiem il-maxtura, qishom qed jistennew ix-xarabank. Mal-pasturi kien dejjem jispiċċa xi suldat jew xi indjan bix-xabla mgħolijja lest għal ġlied. Mhux xorta, la jieqaf fuq saqajh, u ma tindunax ix-xwejħa, seta’ jiżdied mal-oħrajn. Ftakar fil-ħoss tal-bir jinfetaħ u s-satal taż-żingu jfaqqa’ ma’ wiċċ l-ilma, u jisimgħu tiela’ qajla qajla bl-ilma jċarċar għal isfel. Qatt ma ażżarda jersaq viċin, avolja minn dejjem kien kurjuż. Il-ħsieb li titla’ l-belliegħa għalih u tibilgħu kien ikexkxu, minkejja li qatt ma fehem kif qatt ma titla’ meta jkun hemm ix-xwejħa! Reġa’ ra dawk ix-xemgħat fuq tavolina fil-ġenb tal-kamra. Mimlija ritratti ta’ xjuħ kollha b’ħarsa penetranti u ħafna aktar santi ta’ kull qaddis u ta’ elf kurċifiss. Ritratti familjari li sa ftit qabel kienu jkunu fuq l-istess sufan jiddieħqu u jċekċku t-tazzi f’xi magħmudija waqt li jieklu xi pastina jew tnejn. L-istess sufan, ħamrani fuqu kont issib pupa daqshiex b’riħa qawwija ta’ boċċi tal-kamla. Dejjem b’ libsa nadifa u bil-qieghda fin-nofs tas-sufan tħares dritt f’għajnejk. Sakemm dik it-taħbita mal-bieb. Reġa’ fil-kamra, waħdu. Ir-radju għadu għaddej bl-istess monotonija. Ix-xemx issa xirfet sewwa f’kamartu, u t-trab għadu hemm ukoll. Biss il-karta issa m’għadiex vojta. Mingħajr ma ntebah tfaċċaw bosta sentenzi u tifkiriet miktuba quddiemu. B’għajnejh reġa’ fittex ir-ritratt ta’ dik ix-xwejħa u dlonk qam minn postu ħalli jarah minn aktar viċin. Hemm għadu, imma x-xwejħa bħal donnu għandha tbissima akbar din id-darba. U din id-darba, żdiedet ukoll qatra dmugħ minn ħdanu, dritt għal fuq wiċċ dak it-tfajjel, b’xagħru nnukklat. by Paul Grech
There were one thousand five hundred eighty six tiles in her apartment. One thousand three hundred fifty two of them were stained a reddish hue of brown and provided the base colour of her kitchen, bedroom and small corridor. The rest, two hundred thirty four tiles, were pale yellow as if to indicate the slightly more meditative nature of the activities that took place in the bathroom. She had come to intimately know every one of those tiles during those three months people had been forced to spend inside. There was little else to do except move from one room to another, and in time she had come to know every little imperfection that marked each tile from the rest. There were four ghosts that haunted her, voices that echoed around her head. The oldest one had been with her thirty eight years, ever since she had been pushed into this world. The others had been picked up along the years, the results of a cursed attraction to disapproval; one in each decade. Physically they might have exited her life, or she had somehow managed to extract herself from theirs, but still she was hounded by their criticism. So much that she could no longer tell which were her thoughts and which were the reflections of others'. Try as she might to avoid such thoughts, distractions were so few that eventually she was forced to face up to them. At first the weight of all that darkness pushed her to despair; submerging her as if it meant to bury her alive inside her tiny apartment. But as with the tiles, she eventually came to notice the imperfections in those voices and recognise the lies that lay hidden in them. Slowly at first, inexorable later on. With each realisation, the voices lost a bit of their strength. There were one thousand five hundred eighty six tiles in her apartment when she was finally allowed to leave and she knew them all. But there was now only one voice in her head; hers and hers alone. Storja ta' Paul Grech
Dejjem kien iħares lejn l-aħħar Ġimgħa tax-xahar b'ċerta ħerqa. Dakinnhar il-kumpanija kienet torganizza dress-down u għalih dik li jilbes il-ħwejjeġ li jrid flok l-uniformi kienet opportunità biex joħrog l-individwalità tiegħu. Illum libes flokk b'messaġġ kontra l-użu tal-plastik. Kien ilu jikteb fuq Facebook dwar il-bżonn li n-nies jieħdu ħsieb l-ambjent, dejjem konxju li juża l-iktar ’hashtags’ popolari. Issa ried juri kemm hu kien midħla tas-suġġett. F'nofsinnhar stenna li kullħadd ikun miġbur madwar il-mejda fil-kitchenette qabel ma beda jippriedka fuq kemm jagħmlu hsara l-istraws u kif kien hemm bzonn jinqatgħu. Kien hemm min prova jbiddel id-diskors, imma hu kien determinat u qatgħalhom kliemhom. Wara l-ikla sab lil Marisa tistennieh. "Ma kontx naf li kellhek l-ambjent daqshekk għal qalbek," qaltlu. "Nhar il-Ħadd jien u xi ħbieb sejrin nagħmlu clean-up lejn Għar Lapsi. Titħajjar tiġi?" "Innaddaf? Il-ħmieġ? Nhar il-Ħadd? Erm, ħaqq xejn diġà miftihem ma’ xi nies." Marisa tbissmet, bħallikieku kienet qed tistenna dik ir-risposta. "Għal darb'oħra mela." L-idea li joqgħod jiġbor l-imbarazz ta' ħaddiehor xejn ma kienet togħġbu, għalhekk kien ivvinta skuża. Pero’ n-nofs daħka ta’ Marisa bdiet tniggżu. “Imma għalfejn?” staqsa lil nnfisu. Wara kollox, hu l-battalja tiegħu mal-istraws kienet, iddeċieda. Ħa ritratt tat-tazza fuq l-iskrivanija u tefgħu fuq Facebook flimkien ma’ messaġġ li m'hemmx bżonn straws biex tieħu belha ilma. Il-’likes’ bdew deħlin mill-ewwel u ħassu aħjar. Storja ta' Amanda Busuttil
‘Isa Toninu, isa sabiħ, qum u ilbes għax tieħu xi riħ minn dak il-friex sħun, li tinsab fih’, qaltlu bil-ħlewwa omm Toninu, li kienet mara grazzjuża qatigħ, qisha figorina li qamet minn xi ktieb. Xagħarha mimli nokkli sofor u fuqha riħa tfuħ ta’ fjuri friski, b’fardal abjad ħalib u libsa sabiħa bil-frilli. Mama’ twajba, li magħha jitfissdu tfal b’mard misterjuż. Minn dak il-mard li jaqbad kull nhar ta’ Tnejn filgħodu, eżattament xi siegħa qabel iddoqq il-qanpiena tal-iskola. Toninu tbissem tbissima makakka u reġa ħaddan miegħu l-imħadda. Bexxaq kemm kemm għajnejh u għamel tabirruħu li għadu ma sema’ xejn ħalli jkompli jirbaħ aktar ħin ta’ tnikkir. Ommu reġgħet ġiet tqajmu. Ċaqilqitu u poġġiet fuq tarf is-saqqu biex tkompli żżiegħel bih. U reġgħet bdiet id-diska, sakemm fiha kien hemm żvolta mill-kbar: ‘Ġej, ġej, ġej. Qum, ġej il-papà!’ U wasal il-papà u mimli korla qallu: ‘Għadek fis-sodda? Dan il-għaliex? Qum qed ingħidlek minn dak il-friex u ostor sidrek għax ġej ir-riħ!’ Kif sema’ dan Toninu qam jiġri, tajjar il-gverta minn fuqu u qabad bil-ġiri l-ispalliera biex ineħħi l-qmis minn magħha u jilbes. L-iskola, Toninu kellu għalliema paċenzjuża u damet tissaportih, iġebbed xagħar it-tfal ta’ maġenbu. Meta qabżitilha ċ-ċinga, Miss Cardona qaltlu jmur wara bieb is-surmast. Wara li stenna xi nofsiegħa wara l-bieb, Toninu ddejjaq jisma’ telefonata wara oħra ċċempel u mar jistaħba ġol-klassi, biex Miss Cardona ma tindunax bih. Imma t-tfal tal-klassi, tilfu l-attenzjoni, hekk kif Clara qalet: ‘Ġej, Mis ġej, ġej is-surmast!’ ‘Fejn hu Toninu? Fejnu l-pastaż? Il-għala telaq, minn wara biebi?’ ‘Toninu mar id-dar għax iddejjaq’, instema’ jgħid Toninu b’vuċi ta’ tifla minn wara armarju goff ta’ żmien l-Ingliżi. Filgħodu ħareġ jiġri minn taħt friexu u missieru ġibdu minn widintu l-leminija. L-iskola ħareġ jiġri minn wara l-armarju u t-tfal daħku bih, għax is-surmast ġibdu minn widintu x-xellugija. U Toninu tant inġibdulu widnejh li sar jixbah lill-fenek. Kibrulu snienu ta’ quddiem u ħlief zunnarija ma bediex jiekol. Widnejh bdew jitwalu kuljum u t-trasformazzjoni minn tifel għal fenek, ħadd ma nduna biha. Sakemm darba minnhom, intqalet l-istorja ta’ Aliċe fil-pajjiż tal-meravilji u beda jissemma’ l-fenek. U min jipprova jpenġih kif jaf hu u min xtaq jgħid l-istorja, sakemm Clara fil-ktieb innutat lunch box, bħalma kienet ta’ Toninu u semmietu. U qalet li kien jixbhu ftit. Hi biss osservat dan, għax lil Toninu ħadd ma għarfu. Ħin it-tè kien ifakkru f’ħin l-iskola u ma ried lil ħadd aktar jiġbidlu widnejh, allura kien dejjem jiġri bl-arloġġ f’idu u sar konxju wisq mill-ħin. Ommu tibkih u missieru jidħak bih, jekk ikun jaf min hu ibnu llum. Imma b’xorta tajba, missier Toninu ma jafx jaqra l-kotba. “Mur imxi,” kien qallu t-tabib. “Mur imxi ħalli anke moħħok isib ftit kwiet. Int trid issibu l-ħin, ħadd iktar.”
Hekk kien għamel. Filgħodu l-iżveljarin beda jdoqq tliet kwarti qabel biex f’dak il-ħin mirbuħ jagħmel erba’ passi. Kien bniedem ta’ rutina u l-mixja ta’ filgħodu malajr daħlet fis-sistema tiegħu. Il-ġranet saru ġimgħat, imbagħad xhur u snin; dejjem iqum fl-istess ħin, jipprepara bl-istess mod u jaqbad l-istess rotta. Xi tibdil żgħir kien sar. Il-bżonn tal-bidu li ma jagħmilx storbju ħalli ma jqajjimx it-tfal spiċċa meta huma telqu mid-dar. Il-papoċċi li jilbes għall-mixja wkoll inbidlu, anke jekk kien jistenna li jitqattgħu sew qabel ma jagħmel hekk. Il-bidla l-kbira, però, saret barra d-dar. Fejn darba kien isib il-paċi tal-kampanja wara ftit minuti ta’ mixi llum kien jibqa’ qalb il-bini, bid-dħaħen u l-ġenn tat-traffiku madwaru. Nies kullimkien imma ħadd m’għadu jsellem. Anzi kulħadd maqtugħ fid-dinja tiegħu u jara kif idur madwarek jekk il-pass tiegħek ma’ jkunx mgħaġġel biżżejjed. “Mur imxi,” t-tabib baqa’ jgħid. “Mur imxi ħalli moħħok isib ftit kwiet.” Hekk kien għamel. Imma l-kwiet kien sar dejjem iktar diffiċli li jsibu. Paul Grech Meta kont żgħira, kienu jgħiduli li hawn kienu jgħixu eluf ta’ nies. Li mis-sema kien jinżel ilma, li mill-art kienu jinbet l-ikel, li l-ħajja kienet fid-dawl u mhux fid-dlam.
Illum naf li dawn l-istejjer mhux vera. Ma jistgħax ikun li n-nies kellhom daqshekk ġid u m’għamlu xejn meta raw li qed jispiċċa kollox. Jien liż-żgħar ngħidilhom li l-bniedem min dejjem taħt l-art kien jgħix. Hemm fejn jista’ jieħu ħsieb il-bebbux, wirdien u insetti oħra li aħna nieklu u bihom ngħixu. Huwa f’dan il-fond li jista’ jaħrab is-sħana li tnixxef kollox. Darba, meta kont zgħira, stennejt li x-xemx qerrieda tkun raqdet u ħriġt infittex prova tal-istejjer li kienu jgħiduli; ħlomt li nkun fortunata u nara xi siġra jew fjura. Dakinnhar tgħallimt li dawn l-istejjer ma kienu xejn għajr gidba. Barra ma sibt xejn ħlief ilma bla ħajja, ġebel u trab. Ħafna aħjar hawn taħt, fejn hawn il-ħajja u ninsabu ‘l bogħod mill-periklu u l-fantasiji ta’ dawk li rabbewni. Paul Grech |
Stejjer QosraStejjer qosra ta' inqas min mitejn kelma. Ikkuntattjana jekk trid taqsam l-istejjer tiegħek magħna. Kategoriji |