F'dawn il-ġranet kemxejn surreali, ħafna qed isibu ftit serħan fil-qari. Dan Qrajtu? hija sensiela ta' intervisti fejn kull ġimgħa awtur jaqsam x'qed jaqra bħalissa u x'jista' jinqara waqt li nkunu maqfulin ġewwa. X'qed taqra bħalissa u ddeskrivi dan il-ktieb/kotba? Katrina Mayer tgħid hekk: “A book is a magical thing that lets you travel to far-away places without ever leaving your chair.” Dan iż-żmien huwa essenzjali għal kull min għandu l-privileġġ li jaf jaqra, jitfa’ ħsibijietu ftit ‘il bogħod mis-sitwazzjoni li ninsabu fiha u nsiefru permezz ta’ narrazzjoni interessanti. Dawn huma l-kotba li qed naqra bħalissa: Bil-Malti: Bħalissa qiegħda naqra O.B.E. tal-kittieba Rita Saliba pubblikazzjoni ta’ Klabb Kotba Maltin, rumanz frisk kemm fit-tematika tal-letteratura lokali u kemm fl-istil. Jitratta l-istorja ta’ Diana Costa li kienet ġurnalista u ngħatat l-inkarigu li tikteb artiklu dwar l-esperjenza barra mill-ġisem. Il-kitba ta’ Rita Saliba żżomlok l-istamina li tissokkta taqra għax verament tikteb b’passjoni u sengħa u għandha d-don kif tqiegħed il-kliem b’mod mexxej daqskemm konċiż, li ġġiegħel lill-qarrej jissokta jiskopri ġmiel il-qari. Bl-Ingliż: Jiena nħobb ħafna naqra traduzzjonijiet. Wieħed mir-rumanzi Maltin li erġajt qrajt xahrejn ilu, kien dak ta’ Charles Casha: L-Appartament fir-Raba’ Sular. Fl-2018, ħareġ traduzzjoni ta’ dan ir-rumanz “Papers in a Tin Box” , li ġie maqlub mill-Malti minn Joan Mallia. Pubblikazzjoni ta’ Midsea Books. Qed nieħu pjaċir ħafna li qed naqrah bl-Ingliż għax il-qarrej iħoss atmosfera differenti: lingwa ġġagħlek tara l-istess ħaġa minn perspettiva differenti għax aħna naħsbu bl-lingwa u naħsbu minn angoli oħra f’lingwa diversa. Lucas Leiva jsostni: ‘Good translations are one of the vital necessities of our time’ u tabilħaqq naqbel miegħu għax it-traduzzjonijiet jgħaqqduna flimkien bħala dinja waħda filwaqt li jiċċelebraw l-umanita’ għax il-qarrej jista’ jassimila u jħoss dak li jħoss kittieb, hu minn liema pajjiż hu u jiftaħlu orrizont ġdid ta’ esperjenzi li forsi ftit għexniehom u hawn tidħol il-maġija li għandu l-qari fuqna. Poeżiji: Inħobb ikolli f’idejja ktieb ta’ versi u frekwentament ikolli wkoll ktieb ta’ Kritika Letterarja għax hija għalqa li togħġobni u napprezzaha ferm. Bħalissa qed naqra XIBKATULISS li huma poeżiji ta’ Daniel Massa li jinkludi studju ta’ Andrew Sciberras u Kritika Arketipika ta’ Tarċisju Zarb. Il-Poeżija ‘Delimara’ kienet waħda minn dawk il-poeżiji li studjajt fuq il-bank tal-iskola li b’xi mod ħalliet impressjoni fuqi, hemm poeżiji fil-kullana Maltija li ma ninsewhomx żgur u ma jgħaddi qatt iż-żmien minn fuqhom, din il-ġabra mhux biss iddewwaq aktar versi tajbin ta’ dan il-poeta, imma talli wkoll fiha dawn l-istudji verament tajbin li jarrikkixxu ġmiel il-Letteratura Maltija. Liema ktieb (jew kotba) tirrakkomanda li n-nies jaqraw waqt dan il-perjodu ta' kwarantina u għala? Nissuġġerixxi dawn il-kotba li forsi minħabba li huma ftit ħoxnin fil-kobor, fi żmenijiet ta’ rutina ma jkolliex ċans naqrawhom u napprezzawhom biżżejjed, għax vera fihom teżor: Bil-Malti: ‘L-Iljieli Għarbin’ li hu maqlub għall-Malti minn Edmund Teuma, hu mitqlu deheb fil-letteratura Maltija għax mogħni b’bagalja għerf. Pubblikazzjoni tal-BDL, 2015. Huma ġabra ta’ ħrejjef medjevali mil-Lvant Nofsani li huma folkloristiċi li fihom issaltan il-maġija tal-Persja, l-Arabja u l-Indja. Il-ktieb ideali bħalissa biex issiefer fl-immaġinazzjoni u l-maġija mill-kenn ta’ darek! Bl-Ingliż: Min fejn niġu? Minn aħna verament? X’inhu l-għan li aħna ninsabu hawnhekk? Dawn huma l-mistoqsijiet li jħufu fil-ġmiel tal-ktieb li l-awtur tiegħu huwa Jostein Gaarder. Il-ktieb tiegħu ‘Sophie’s World’, fil-fehma tiegħi m’għandux ikun biss ktieb indirizzat għal dawk li tinteressahom l-Istorja tal-Filosofija, imma għandu jkun ktieb li jistieden lil kull min għandu interess fl-eżistenza umana. Il-kittieb naħseb wera l-potenzjalità eċċezzjonali tiegħu fil-kitba billi tratta suġġett ta’ ħsieb kbir u rnexxilu jinżel għal-livell li jifhmu kulħadd. Nissuġerih ħafna għax iġagħlek taħseb u tirrifletti fuq il-ħajja b’mod matur u minn perspettiva li forsi qatt ma ħarist lejha qabel. Amanda Busuttil tgħallem fi skola Primarja u għandha ħafna għal qalbha l-Malti u l-Letteratura. Ħadmet għal diversi snin fl-Għaqda tal-Malti Universita’ u ttellgħa programm fuq ir-radju tal-komunità biex tippromwovi letteratura lokali. Bħalissa qed tistudja l-Letteratura Maltija fl-Universita’ ta’ Malta. Kittieba ta’ diversi artikli, intervisti lill-awturi Maltin, stejjer u poeżiji u dawn dehru f’gazzetti Maltin, antoloġiji u websajts. Ippubblikat l-ewwel damma ta’ poeżiji tagħha: ‘Potpurì’. Kienet ukoll editriċi tal-ktieb ‘Oliver Friggieri L-istudji Poetiċi’ (1989-2019) ma’ Dr Andrew Sciberras.
0 Comments
Leave a Reply. |