F'dawn il-ġranet kemxejn surreali, ħafna qed isibu ftit serħan fil-qari. Dan Qrajtu? hija sensiela ta' intervisti fejn kull ġimgħa awtur jaqsam x'qed jaqra bħalissa u x'jista' jinqara waqt li nkunu maqfulin ġewwa.
X'qed taqra bħalissa u ddeskrivi dan il-ktieb/kotba? Wara li spiċċajt naqra l-ktieb Ħadd ma jista’ Jisgħol jew Jagħtas fil-Pubbliku ta’ Trevor Zahra, qed naqra ktieb għal kollox differenti: Il-Lunzjata ta’ Għawdex ta’ Monsinjur Karm Borg. Hu ktieb li jippreżentalna l-famuż wied f’Għawdex, taħt ir-riħ tar-Rabat u qabel ma tidħol Ta’ Kerċem, u l-kappella li hemm fil-wied imsemmi. Borg jidħol fil-kult tal-Lunzjata f’Għawdex kif ukoll jagħti tagħrif dwar il-bini tal-kappella, ir-retturi tagħha u l-opri ta’ arti li fiha minkejja ċ-ċokon tagħha. Liema ktieb (jew kotba) tirrakkomanda li n-nies jaqraw waqt dan il-perjodu ta' kwarantina u għala? F’dan iż-żmien ta’ pandemija fejn forsi kultant naslu biex naqtgħu qalbna minħabba anki ironikament l-użu popolaristiku tas-social media b’kummenti li ma jitwemmnux, xtaqt nipproponi sensiela ta’ 3 kotba Maltese Modern Art Series: History and Theory dwar l-iżvilupp tal-arti moderna f’Malta miktuba minn Giuseppe Schembri Bonaci. Fost l-oħrajn l-awtur jeżamina xogħlijiet Josef Kalleya, Anthony Catania, Willie Apap u Caesar Attard u jpoġġi kollox f’kuntest usa’. Nemmen li qatt daqs dan iż-żmien m’għandna bżonn l-arti f’ħajjitna u dawn it-3 kotba joffru vjaġġ, jien ngħid innovattiv, fil-qalba tal-Moderniżmu Malti. Fil-fehma tiegħi dawn il-kotba għandu jkunu għand kull min iħobb l-arti u l-melitensia. Il-kotba huma ppubblikati minn Horizons. Sergio Grech huwa l-awtur ta' bijografija dwar il-patri Feliċjan Bilocca u kiteb in-novella "Il-Lejl tal-Irgulija" filwaqt li ħa ħsieb sensiela ta' kotba dwar personaġġi fundamentali fl-istorja ta' Malta, fosthom Dom Mintoff u Eddie Fenech Adami. Grech ipproduċa mijiet ta ’programmi kulturali fuq Radju Malta, Ir-Radju tal-Università u Campus FM. Huwa kien l-ewwel Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
0 Comments
Leave a Reply. |