Janet Mallia hija awtriċi żgħażugħa tas-serje ta’ kotba għat-tfal, “L-Avventuri ta’ Ħal Xuxa”, stejjer ħelwa li, fi kliemha jorbtu “it-tema tal-annimali ma’ aspett tal-folklor Malti li jeħodni lura għal memorji ta’ tfuliti fejn il-ħajja kienet b’inqas ritmu mgħaġġel”. Paġna Mmarkata: Liema huwa l-ewwel ktieb li tiftakrek taqra? Janet Mallia: M’għandi l-ebda idea liema kien l-ewwel ktieb li qrajt però niftakar ċar qisu l-bieraħ li kienu jixtruli ħafna kotba bl-Ingliż u bil-Malti tad-ditta Lady Bird, li dak iż-żmien kienu popolari immens. L-aktar awtur Malti li kont infittex kien Carmel G. Cauchi minħabba li l-kotba tiegħu kienu inissluli tbissima. PM: Min fejn nibtet il-ħajra li tikteb? JM: Inqis li l-kitba tagħmel parti minn ħajti. Minn età żgħira kienet l-hena tiegħi naqra l-kotba, allura kont immur tajba ħafna fil-kitba tal-komponimenti. Meta kont l-iskola sekondarja, kont ngħin lil-librar fil-librerija tal-iskola stess u meta introduċew ir-rivista tal-iskola fraħt li l-kitba tiegħi kienet tingħażel biex tkun ippubblikata. Tista’ tgħid li din kienet l-ewwel togħma ta’ pubblikazzjoni għalija! Malli kbirt u dħalt fid-dinja tax-xogħol, il-kitba kienet parti integrali mix-xogħlijiet tiegħi - kemm fil-qasam ġurnalistiku, tar-relazzjonijiet pubbliċi u ta’ traduzzjoni - allura tista’ tgħid li kien proċess naturali li ngħaddi għall-kitba tal-kotba. PM: U l-ideat ta' dawn il-kotba? JM: Bħall-ewwel serje ta’ kotba tiegħi “L-Avventuri ta’ Ħal Xuxa”, xtaqt nikteb dwar suġġett li jogħġob lit-tfal u nħossni komda nikteb dwaru. Meta kont żgħira kont ngħoxxa naqra dwar l-annimali, allura ddeċidejt li nambjenta l-istejjer tiegħi tal-annimali f’razzett tipiku Malti. Ħsibt li norbot it-tema tal-annimali ma’ aspett tal-folklor Malti li jeħodni lura għal memorji ta’ tfuliti fejn il-ħajja kienet b’inqas ritmu mgħaġġel. PM: X'kienet ir-reazzjoni tiegħek l-ewwel darba li rajt il-kotba stampati u żammejthom f'idek? JM: X’qed tfakkarni! L-ewwelnett l-istejjer tiegħi kienu ilhom għand il-pubblikatur u, bħal kull awtur ieħor, hemm proċess ta’ stennija involut fejn tittama li xi darba jmiss lilek. Meta irċevejt it-telefonata li beda l-proċess ta’ xogħol fuqhom ma ridtx nemmen, aktar u aktar meta bdew juruni l-ewwel xogħlijiet. Meta rajt l-ewwel żewġ kotba f’idejja tirbħek sensazzjoni ta’ ferħ u sodisfazzjon li wasalt għal dak li kont qed tippjana. Kienet ix-xewqa tiegħi minn fuq il-bank tal-iskola li xi darba nikteb ktieb u kif jgħidu, minn jistenna, jithenna, għax spiċċajt ippubblikajt żewġ kotba f’salt! PM: Il-kotba tiegħek huma illustrati. Kif kien dan il-proċess u kemm kien importanti biex jagħtu ħajja lill-istejjer? JM: L-illustrazzjonijiet huma essenzjali minħabba li jagħtu stampa ċara għall-ħsibijiet tal-awtur wara l-istejjer. Personalment nemmen li għandhom parti importanti mill-bejgħ u s-suċċess tal-kotba għax l-ewwel ma tiekol l-għajn. Jiena inqis lili nnifsi ffortunata li kien hemm ħidma f’tim bejn il-partijiet involuti – pubblikatur, awtur u illustrattriċi. Nixtieq nieħu l-opportunità li nirringrazza lill-pubblikatur tal-kotba tiegħi, il-BDL u lill-illustrattriċi, Deandra Scicluna għall-ħidma fejjieda tagħhom. . PM: Ħafna jaħsbu li tikteb għat-tfal huwa faċli. X'tgħidilhom lil dawn? JM: Il-kitba għat-tfal, speċjalment għat-tfal fl-ewwel stadji bikrija ta’ qari, tkun tidher fl-għajn sempliċi, però m’hemm xejn sempliċi dwar din l-kitba. Peress li kull wieħed u waħda minnha ngħaddu minn proċess ta’ żvilupp, “il-kitba tat-tfal” ikunu ilna li ħallejniha warajna allura mhux faċli tirritorna għal dik it-tip ta’ kitba. Hawn awuri li jistqarru li ma jiktbux għat-tfal minħabba li titlob ċertu sengħa, speċjalment jekk ikollok talba minn pubblikatur biex tikteb sentenzi qosra bla aġġettivi jew storja f’inqas minn għoxrin sentenza. Nassigurak li m’hijiex ħaġa faċli. PM: Xi jmiss? X'hemm fil-futur tiegħek? JM: Fil-preżent ninsab ferħana kif intlaqgħu l-ewwel żewġ kotba tas-serje “L-Avventuri ta’ Ħal Xuxa”. Għandi s-sodisfazzjon ngħid li l-pubblikatur għamel stampar mill-ġdid tal-kotba f’temp ta’ xahar u nofs. Dan hu ta’ sors ta’ ferħ għall-awtriċi emerġenti bħali. Bħalissa qed inżur diversi skejjel u niltaqa’ wiċċ imb’wiċċ max-xerrejja tal-kotba tiegħi. Fil-futur qarib se joħorġu aktar stejjer li jagħmlu parti minn din is-serje. Dawn se jkunu maqsuma bejn kotba stampati u ‘e-books’ li huma aċċessibli għall-pubbliku minn fuq il-pjattaforma Octavo, li qed tintuża anki fl-iskejjel tal-gvern. Barra dan, hemm ħsieb ta’ aktar kotba għat-tfal u, min jaf, forsi niktbu xi ktieb għall-adulti wkoll. Il-kotba tas-serje “L-Avventuri ta’ Ħal Xuxa” jistgħu jinkisbu mingħand BDL Books.
0 Comments
Leave a Reply. |