Storja ta' Elizabeth Ebejer
Għajni marret mill-ewwel fuqu. X’kien qed jagħmel dak it-tubu qalb il-posta, bħal dawk li jkunu qishom kanna tal-plastik? Ħasadni kif rajtu mal-posta fil-bixkilla, li maż-żmien il-pustier dara jitfa’ kollox fiha u jien bil-lejl intella’ ‘l fuq. Dan x'kien? Mhux il-propoganda tas-soltu jew xi kont tad-dawl li jiftakru li għadni ħajja! Il-kliem b'kaligrafija ċara “lill-Okkupanta.” Kien żgur li għalija. Kont ilni ma nirċievi xi ħaġa snin u tbissimt. Ara! Ftakart kif titbissem! Dħalt ġewwa u bla ma tlift ħin, neħħejt l-għatu. Dik il-karta ħoxna li ħassejt ħasditni u kif ġbidtha 'l barra, żelqet minn idi u rbumbjat ma’ kull rokna u ssorprendejt ruħi meta smajt it-twerżiqa li ħarġet mill-gargi xotti. Dak il-ġisem bla wiċċ kien rifless qawwi aktar mill-mirja li għandi. Għaraftu lil ġismi. Sal-għazza ħdejn il-biżla hemm u n-nokkli jgħattu ż-żejża mikxufa bla mistħija u ċ-ċappetta tleqq, deheb isfar f'idi l-leminija li kienet qed tmiss il-purtiera tas-salott, u bl-istess pinzellata “SABIĦA... PINĠEJTEK MILL-BOGĦOD, ĦABBEJTEK MA’ KULL PINZELLATA… AĦSEB U ARA KIEKU MMISSEK” Bejn dawn il-ħitan noqgħod kif irrid bla ħadd ma jikkmandani. Imma min seta’ kien meta lanqas nixref ‘il barra? Minn meta sfigurali wiċċi bl-aċtu dak li kien ħalef li jħobbni, ma ħriġtx minn hawn. Ma’ kull qatra jien werżaqt biex jieqaf imma leħnu għadni niftakru jaħlef, li ħadd warajh mhu se jmelles dak il-wiċċ u jerda’ dawk ix-xufftejn. Sabuni mitlufa minn sensija f’għalqa u għamlu minn kollox biex nibqa bħala numru hawn. Għadni mriegħda u ġbart il-pittura mill-art u bis-saba’ l-werrej, missejt dawk il-linji biex bħallikieku għal mument, noqrob lejn min ħolomni u ħoloqni. "GĦADEK MA TAFX KEMM..."
0 Comments
Leave a Reply. |
Stejjer QosraStejjer qosra ta' inqas min mitejn kelma. Ikkuntattjana jekk trid taqsam l-istejjer tiegħek magħna. Kategoriji |