“Mur imxi,” kien qallu t-tabib. “Mur imxi ħalli anke moħħok isib ftit kwiet. Int trid issibu l-ħin, ħadd iktar.”
Hekk kien għamel. Filgħodu l-iżveljarin beda jdoqq tliet kwarti qabel biex f’dak il-ħin mirbuħ jagħmel erba’ passi. Kien bniedem ta’ rutina u l-mixja ta’ filgħodu malajr daħlet fis-sistema tiegħu. Il-ġranet saru ġimgħat, imbagħad xhur u snin; dejjem iqum fl-istess ħin, jipprepara bl-istess mod u jaqbad l-istess rotta. Xi tibdil żgħir kien sar. Il-bżonn tal-bidu li ma jagħmilx storbju ħalli ma jqajjimx it-tfal spiċċa meta huma telqu mid-dar. Il-papoċċi li jilbes għall-mixja wkoll inbidlu, anke jekk kien jistenna li jitqattgħu sew qabel ma jagħmel hekk. Il-bidla l-kbira, però, saret barra d-dar. Fejn darba kien isib il-paċi tal-kampanja wara ftit minuti ta’ mixi llum kien jibqa’ qalb il-bini, bid-dħaħen u l-ġenn tat-traffiku madwaru. Nies kullimkien imma ħadd m’għadu jsellem. Anzi kulħadd maqtugħ fid-dinja tiegħu u jara kif idur madwarek jekk il-pass tiegħek ma’ jkunx mgħaġġel biżżejjed. “Mur imxi,” t-tabib baqa’ jgħid. “Mur imxi ħalli moħħok isib ftit kwiet.” Hekk kien għamel. Imma l-kwiet kien sar dejjem iktar diffiċli li jsibu. Paul Grech
0 Comments
Leave a Reply. |
Stejjer QosraStejjer qosra ta' inqas min mitejn kelma. Ikkuntattjana jekk trid taqsam l-istejjer tiegħek magħna. Kategoriji |