Storja ta' Amanda Busuttil
‘Isa Toninu, isa sabiħ, qum u ilbes għax tieħu xi riħ minn dak il-friex sħun, li tinsab fih’, qaltlu bil-ħlewwa omm Toninu, li kienet mara grazzjuża qatigħ, qisha figorina li qamet minn xi ktieb. Xagħarha mimli nokkli sofor u fuqha riħa tfuħ ta’ fjuri friski, b’fardal abjad ħalib u libsa sabiħa bil-frilli. Mama’ twajba, li magħha jitfissdu tfal b’mard misterjuż. Minn dak il-mard li jaqbad kull nhar ta’ Tnejn filgħodu, eżattament xi siegħa qabel iddoqq il-qanpiena tal-iskola. Toninu tbissem tbissima makakka u reġa ħaddan miegħu l-imħadda. Bexxaq kemm kemm għajnejh u għamel tabirruħu li għadu ma sema’ xejn ħalli jkompli jirbaħ aktar ħin ta’ tnikkir. Ommu reġgħet ġiet tqajmu. Ċaqilqitu u poġġiet fuq tarf is-saqqu biex tkompli żżiegħel bih. U reġgħet bdiet id-diska, sakemm fiha kien hemm żvolta mill-kbar: ‘Ġej, ġej, ġej. Qum, ġej il-papà!’ U wasal il-papà u mimli korla qallu: ‘Għadek fis-sodda? Dan il-għaliex? Qum qed ingħidlek minn dak il-friex u ostor sidrek għax ġej ir-riħ!’ Kif sema’ dan Toninu qam jiġri, tajjar il-gverta minn fuqu u qabad bil-ġiri l-ispalliera biex ineħħi l-qmis minn magħha u jilbes. L-iskola, Toninu kellu għalliema paċenzjuża u damet tissaportih, iġebbed xagħar it-tfal ta’ maġenbu. Meta qabżitilha ċ-ċinga, Miss Cardona qaltlu jmur wara bieb is-surmast. Wara li stenna xi nofsiegħa wara l-bieb, Toninu ddejjaq jisma’ telefonata wara oħra ċċempel u mar jistaħba ġol-klassi, biex Miss Cardona ma tindunax bih. Imma t-tfal tal-klassi, tilfu l-attenzjoni, hekk kif Clara qalet: ‘Ġej, Mis ġej, ġej is-surmast!’ ‘Fejn hu Toninu? Fejnu l-pastaż? Il-għala telaq, minn wara biebi?’ ‘Toninu mar id-dar għax iddejjaq’, instema’ jgħid Toninu b’vuċi ta’ tifla minn wara armarju goff ta’ żmien l-Ingliżi. Filgħodu ħareġ jiġri minn taħt friexu u missieru ġibdu minn widintu l-leminija. L-iskola ħareġ jiġri minn wara l-armarju u t-tfal daħku bih, għax is-surmast ġibdu minn widintu x-xellugija. U Toninu tant inġibdulu widnejh li sar jixbah lill-fenek. Kibrulu snienu ta’ quddiem u ħlief zunnarija ma bediex jiekol. Widnejh bdew jitwalu kuljum u t-trasformazzjoni minn tifel għal fenek, ħadd ma nduna biha. Sakemm darba minnhom, intqalet l-istorja ta’ Aliċe fil-pajjiż tal-meravilji u beda jissemma’ l-fenek. U min jipprova jpenġih kif jaf hu u min xtaq jgħid l-istorja, sakemm Clara fil-ktieb innutat lunch box, bħalma kienet ta’ Toninu u semmietu. U qalet li kien jixbhu ftit. Hi biss osservat dan, għax lil Toninu ħadd ma għarfu. Ħin it-tè kien ifakkru f’ħin l-iskola u ma ried lil ħadd aktar jiġbidlu widnejh, allura kien dejjem jiġri bl-arloġġ f’idu u sar konxju wisq mill-ħin. Ommu tibkih u missieru jidħak bih, jekk ikun jaf min hu ibnu llum. Imma b’xorta tajba, missier Toninu ma jafx jaqra l-kotba.
0 Comments
Leave a Reply. |
Stejjer QosraStejjer qosra ta' inqas min mitejn kelma. Ikkuntattjana jekk trid taqsam l-istejjer tiegħek magħna. Kategoriji |