Storja ta' Paul Grech
Dejjem kien iħares lejn l-aħħar Ġimgħa tax-xahar b'ċerta ħerqa. Dakinnhar il-kumpanija kienet torganizza dress-down u għalih dik li jilbes il-ħwejjeġ li jrid flok l-uniformi kienet opportunità biex joħrog l-individwalità tiegħu. Illum libes flokk b'messaġġ kontra l-użu tal-plastik. Kien ilu jikteb fuq Facebook dwar il-bżonn li n-nies jieħdu ħsieb l-ambjent, dejjem konxju li juża l-iktar ’hashtags’ popolari. Issa ried juri kemm hu kien midħla tas-suġġett. F'nofsinnhar stenna li kullħadd ikun miġbur madwar il-mejda fil-kitchenette qabel ma beda jippriedka fuq kemm jagħmlu hsara l-istraws u kif kien hemm bzonn jinqatgħu. Kien hemm min prova jbiddel id-diskors, imma hu kien determinat u qatgħalhom kliemhom. Wara l-ikla sab lil Marisa tistennieh. "Ma kontx naf li kellhek l-ambjent daqshekk għal qalbek," qaltlu. "Nhar il-Ħadd jien u xi ħbieb sejrin nagħmlu clean-up lejn Għar Lapsi. Titħajjar tiġi?" "Innaddaf? Il-ħmieġ? Nhar il-Ħadd? Erm, ħaqq xejn diġà miftihem ma’ xi nies." Marisa tbissmet, bħallikieku kienet qed tistenna dik ir-risposta. "Għal darb'oħra mela." L-idea li joqgħod jiġbor l-imbarazz ta' ħaddiehor xejn ma kienet togħġbu, għalhekk kien ivvinta skuża. Pero’ n-nofs daħka ta’ Marisa bdiet tniggżu. “Imma għalfejn?” staqsa lil nnfisu. Wara kollox, hu l-battalja tiegħu mal-istraws kienet, iddeċieda. Ħa ritratt tat-tazza fuq l-iskrivanija u tefgħu fuq Facebook flimkien ma’ messaġġ li m'hemmx bżonn straws biex tieħu belha ilma. Il-’likes’ bdew deħlin mill-ewwel u ħassu aħjar.
0 Comments
Leave a Reply. |
Stejjer QosraStejjer qosra ta' inqas min mitejn kelma. Ikkuntattjana jekk trid taqsam l-istejjer tiegħek magħna. Kategoriji |