Storja ta' Daniel Mangani
Hemm baqa’, bil-qieghda ma’ mejda iċċassat b’karta vojta quddiemu. Jipprova jħarbex xi ftit ħsibijiet, imma kien kollu ta’ xejn. Ma seta’ jaħseb f’xejn. Fl-isfond, radju ċkejken iżarżar ftit diskji medjokri, li qajla bdew jispirawh. Mit-tieqa kienu bdew deħlin l-ewwel raġġi tax-xemx, li ukoll bdew jikxfu dik l-abra fina ta’ trab li kellha kamartu. Il-bqija, baħħ. Baħħ totali, bħal baħħ li kien għad hemm fuq dik il-karta, meta suppost kien diġa’ mela mqar nofsha wara lejl ta’ ħsibijiet u ta’ nuqqas ta’ rqad. Bejn nefħa u oħra, u waqt li qalleb għal darboħra għajnejh, b’xi mod lemaħ ritratt ċkejken nofsu sfukat u nieqes mil-kuluri originali tiegħu. Xwejħa b’nofs tbissima bi ħwejjeġ foqra, u bi tfajjel b’xagħru nnukklat ta’ ftit snin f’ħoġorha. U dak il-ħin bħal reġa lemaħ lil dik ix-xwejħa quddiemu, din id-darba bi tbissima akbar, u bi sforz ċkejken tista’ tgħid li anke semgħaha tkellmu. Fi mnifsejh xamm dik ir-rħa ta’ umdita’ ta’ bejn il-bieb ta’ barra u l-antiporta, fejn kien ta’ spiss iqatta’ ħin twil jilgħab. Ġaladarba ma setgħax joħroġ barra waħdu, dik ir-rokna ċkejkna, kienet l-aktar post viċin għal ħajja tat-triq. Xamm ir-riħa tal-borma li kienet ilha itektek mis-siegħat bekrin tal-ġurnata, li lanqas kien għadu sebaħ li ma xammx dik ir-riħa taqsam dwejra ċkejkna. Ir-redifussion beda bil-latanija tal-mejtin u dawk kollha li marru għan-naħa l-oħra, u dik ix-xwejħa trodd is-salib wara kull isem li tisma’. Umbgħad ra l-presepju. Grotta sempliċi magħmula minn ftit xkejjer antiki u naqra ġibs verġni u żebgħa skaduta, b’riħa taqsam ta’ żejt. Jiftakar joħroġ il-pasturi kollha filliera wara xulxin quddiem il-maxtura, qishom qed jistennew ix-xarabank. Mal-pasturi kien dejjem jispiċċa xi suldat jew xi indjan bix-xabla mgħolijja lest għal ġlied. Mhux xorta, la jieqaf fuq saqajh, u ma tindunax ix-xwejħa, seta’ jiżdied mal-oħrajn. Ftakar fil-ħoss tal-bir jinfetaħ u s-satal taż-żingu jfaqqa’ ma’ wiċċ l-ilma, u jisimgħu tiela’ qajla qajla bl-ilma jċarċar għal isfel. Qatt ma ażżarda jersaq viċin, avolja minn dejjem kien kurjuż. Il-ħsieb li titla’ l-belliegħa għalih u tibilgħu kien ikexkxu, minkejja li qatt ma fehem kif qatt ma titla’ meta jkun hemm ix-xwejħa! Reġa’ ra dawk ix-xemgħat fuq tavolina fil-ġenb tal-kamra. Mimlija ritratti ta’ xjuħ kollha b’ħarsa penetranti u ħafna aktar santi ta’ kull qaddis u ta’ elf kurċifiss. Ritratti familjari li sa ftit qabel kienu jkunu fuq l-istess sufan jiddieħqu u jċekċku t-tazzi f’xi magħmudija waqt li jieklu xi pastina jew tnejn. L-istess sufan, ħamrani fuqu kont issib pupa daqshiex b’riħa qawwija ta’ boċċi tal-kamla. Dejjem b’ libsa nadifa u bil-qieghda fin-nofs tas-sufan tħares dritt f’għajnejk. Sakemm dik it-taħbita mal-bieb. Reġa’ fil-kamra, waħdu. Ir-radju għadu għaddej bl-istess monotonija. Ix-xemx issa xirfet sewwa f’kamartu, u t-trab għadu hemm ukoll. Biss il-karta issa m’għadiex vojta. Mingħajr ma ntebah tfaċċaw bosta sentenzi u tifkiriet miktuba quddiemu. B’għajnejh reġa’ fittex ir-ritratt ta’ dik ix-xwejħa u dlonk qam minn postu ħalli jarah minn aktar viċin. Hemm għadu, imma x-xwejħa bħal donnu għandha tbissima akbar din id-darba. U din id-darba, żdiedet ukoll qatra dmugħ minn ħdanu, dritt għal fuq wiċċ dak it-tfajjel, b’xagħru nnukklat.
0 Comments
Leave a Reply. |
Stejjer QosraStejjer qosra ta' inqas min mitejn kelma. Ikkuntattjana jekk trid taqsam l-istejjer tiegħek magħna. Kategoriji |